16
MT MT IL-KUMMISSJONI EWROPEA Brussell, 25.2.2015 COM(2015) 58 final RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL- KUNSILL Il-Ħames Rapport dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA · 2018. 10. 28. · L-influss ta’ persuni li jfittxu l-asil mill-Balkani tal-Punent sar fenomenu matul is-sena kollha, b’għadd ta’ “punti massimi

  • Upload
    others

  • View
    6

  • Download
    0

Embed Size (px)

Citation preview

  • MT MT

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA

    Brussell, 25.2.2015 COM(2015) 58 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Il-Ħames Rapport dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

  • 2

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Il-Ħames Rapport dwar il-Monitoraġġ ta' wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża għall-Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent skont il-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Novembru 2010

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    1. INTRODUZZJONI Sa minn Diċembru 2009, iċ-ċittadini tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, tal-Montenegro u tas-Serbja setgħu, permezz tal-passaporti bijometriċi, jivvjaġġaw mingħajr viża lejn l-Istati Membri tal-UE (minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit), f'konformità mar-Regolament 539/20011. Iċ-ċittadini tal-Albanija u tal-Bożnija-Ħerzegovina ilhom igawdu mill-istess status tal-ivvjaġġar mingħajr viża minn Diċembru 2010. L-ivvjaġġar mingħajr viża jibqa' wieħed mill-kisbiet prinċipali ta' dawn il-pajjiżi f'dak li jirrigwarda l-isforzi tagħhom ta' integrazzjoni fl-Ewropa.

    Fid-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta’ Novembru 2010 lill-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni, il-Kummissjoni enfasizzat li kull pajjiż fil-Balkani tal-Punent kellu jkompli jimplimenta l-miżuri stabbiliti fil-pjan direzzjonali tiegħu dwar il-viża biex tinżamm l-integrità tal-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Hija stabbilixxiet mekkaniżmu ta' monitoraġġ ta' wara l-liberalizzazzjoni tal-viża biex tevalwa s-sostenibbiltà tar-riformi li l-għan tagħhom huwa li jħarsu l-integrità tal-iskema.

    Dan huwa l-ħames rapport dwar il-monitoraġġ ta’ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża li ġie ppubblikat mill-2010 'l hawn2. Huwa jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżvilupp tal-mekkaniżmu ta’ monitoraġġ ta’ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, jeżamina mill-ġdid il-funzjonament tal-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża u jirrakkomanda riformi biex jiġi evitat li jerġgħu jinħolqu l-problemi li ilhom ixekklu 'l din l-iskema mill-2010.

    2. MEKKANIŻMU TA’ MONITORAĠĠ WARA L-LIBERALIZZAZZJONI TAL-VIŻA AKTAR B'SAĦĦTU

    Id-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent dwar l-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr-viża, isir skont il-proċess ta’ stabilizzazzjoni u assoċjazzjoni u fil-qafas tan-negozjati ta’ adeżjoni msemmija fil-Kapitoli 23 u 24. L-uffiċjali tal-Kummissjoni żaru l-Albanija f’April 2014, il-Bożnija-Ħerzegovina f’Mejju, f'Lulju u f'Novembru 2014, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja f’Novembru 2013, il-Montenegro fi Frar, f'Marzu, f'Lulju u f'Ottubru 2014, u s-Serbja fi Frar 2014. Bl-għajnuna ta’ esperti mill-Istati Membri, ivverifikaw il-progress u l-kwalità tar-riformi relatati mal-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Fil-pakkett tat-tkabbir 2014 tal-Kummissjoni Ewropea hemm iktar dettalji dwar dawn ir-riformi3.

    F’Diċembru 2012, kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża beda jibgħat lill-Kummissjoni, statistika regolari dwar il-flussi migratorji lejn l-UE. F’Novembru 2014, il-

    1 Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 2 In-numri ta’ referenza tar-rapporti preċedenti huma kif ġej: SEC(2011) 695, SEC(2011) 1570,

    COM(2012) 472, u COM(2013) 836. 3 COM(2014) 700.

  • 3

    pajjiżi mingħajr viża ppreżentaw sett ta’ rapporti narrattivi dwar il-passi meħuda biex titnaqqas il-migrazzjoni irregolari lejn l-UE.

    Sal-ġurnata tal-lum, bil-għajnuna tan-Netwerk ta' Analiżi tal-Perikli tal-Balkani tal-Punent, il-Frontex ħarġet 47 rapport ta’ twissija. L-Analiżi Trimestrali tal-Perikli tal-Balkani tal-Punent tagħha jispjegaw fil-qosor l-aħħar xejriet fil-kontroll tal-fruntieri u fil-migrazzjoni irregolari mir-reġjun. L-Europol u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) joħorġu wkoll rapporti ta’ kull xahar dwar ix-xejriet tal-asil u rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-asil fl-UE. Dawn ir-rapporti jipprovdu valutazzjoni sofistikata tax-xejriet migratorji mill-Balkani tal-Punent u l-passi meħuda mill-Istati Membri tal-UE u mill-istati mingħajr viża kkonċernati biex jiġi evitat l-abbuż mid-dritt għall-asil.

    3. IL-FUNZJONAMENT TAL-ISKEMA TAL-IVVJAĠĠAR MINGĦAJR VIŻA FL-2013 U FL-EWWEL TLIET KWARTI TAL-2014

    3.1. Ħarsa lejn l-iżviluppi L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil imressqa fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen minn persuni nazzjonali tal-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża ilu jiżdied b’mod kostanti sa mil-liberalizzazzjoni tal-viża fl-2009, u laħaq punt massimu fl-2013 fejn kien hemm 53 705 applikazzjoni (Grafika 1)4. L-għadd ta’ applikazzjonijiet imressqa fl-ewwel disa’ xhur tal-2014 kien 40 % ogħla milli fl-ewwel disa’ xhur tal-2013, u dan jissuġġerixxi li s-sena 2014 tista’ tabilħaqq tikser ir-rekords kollha preċedenti.

    L-għadd ta’ ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża bħala perċentwali tal-assorbiment globali ta’ applikanti għall-asil fl-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen żdied ukoll minn wara l-liberalizzazzjoni tal-viża. Wara rekord ta’ 11,4 % fl-ewwel tliet kwarti tal-2012, dan laħaq 10,7 % fl-ewwel disa’ xhur biss tal-2014 (Grafika 2)5.

    L-influss ta’ persuni li jfittxu l-asil mill-Balkani tal-Punent sar fenomenu matul is-sena kollha, b’għadd ta’ “punti massimi żgħar” f’Jannar, Marzu u Lulju 2014 bejn il-punti massimi fix-xitwa ta’ Ottubru 2013 u fix-xitwa ta' Ottubru 2014 (Grafika 3). L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil bejn dawn il-punti massimi tax-xitwa baqa' għoli, u minħabba f'hekk l-għadd ta’ applikazzjonijiet fl-ewwel tliet kwarti tal-2014 kien jikkostitwixxi 87 % tat-total għall-2013 kollha.

    L-għadd ta’ applikazzjonijiet ripetuti – it-tieni applikazzjoni jew applikazzjonijiet multipli – bħala perċentwali tat-total, żdied ukoll mill-bidu tal-2013 'l hawn, u f’Settembru 2014 laħaq rekord ġdid ta’ 37 % (Grafika 3). Dan ifisser li kważi erba' applikanti tal-Balkani tal-Punent minn għaxra, f'dak ix-xahar, kienu diġà ressqu applikazzjoni għall-asil fl-UE qabel ma reġgħu applikaw għall-asil.

    Il-Ġermanja għadha tattira l-akbar ammont ta’ applikazzjonijiet għall-asil minn persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża (Grafika 4)6. Is-sehem tagħha tal-assorbiment ta' applikanti mill-Balkani tal-Punent żdied minn 12 % fl-2009 għal 75 % fl-ewwel disa’ xhur tal-2014. Dawn l-iżviluppi wasslu biex f’Settembru 2014, il-Ġermanja adottat leġiżlazzjoni li poġġiet lis-Serbja, lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u lill-Bożnija-Ħerzegovina fuq lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri7. Għadu kmieni wisq biex wieħed jivvaluta l-impatt ta’ din il-miżura. F’Ottubru 2014, fil-Ġermanja, l-applikazzjonijiet għall-asil żdiedu mill-pajjiżi

    4 Sors: Eurostat. 5 Sors: Eurostat. 6 Sors: Eurostat. 7 Gesetz zur Einstufung weiterer Staaten als sichere Herkunftsstaaten und zur Erleichterung des

    Arbeitsmarktzugangs für Asylbewerber und geduldete Ausländer, il-5 ta’ Novembru 2014.

  • 4

    kollha tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża, u dan jindika l-bidu ta’ żieda qawwija ġdida fix-xitwa. Sadanittant, l-applikazzjonijiet fl-Isvezja baqgħu stabbli. Biż-żmien, ir-riforma tal-asil tal-Ġermanja tista’ twassal għal ridistribuzzjoni konsiderevoli tal-flussi tal-applikanti għall-asil mal-UE kollha.

    Kollettivament, iċ-ċittadini Serbi baqgħu jikkostitwixxu l-akbar grupp ta’ persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża li jfittxu l-asil fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen (42 % fl-2013), għalkemm minn wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, is-sehem reġjonali tagħhom naqas (Grafika 5). Fl-2013, iċ-ċittadini tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u tal-Albanija flimkien kienu jirrappreżentaw 21 % tal-persuni mill-Balkani tal-Punent li jfittxu-l-asil, għalkemm minn wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, is-sehem tal-Albanija kien qiegħed jiżdied gradwalment u dak tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja beda jonqos. Iċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina kienu jirrappreżentaw 14 % oħra tal-persuni mill-Balkani tal-Punent li jfittxu-l-asil fl-2013, minħabba li, minn wara l-liberalizzazzjoni tal-viża, sehemhom żdied. Is-sehem tal-Montenegro, li kien ta' 2 % fl-2013, baqa' negliġibbli.

    Iċ-ċittadini tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja kienu dawk l-aktar probabbli li jfittxu l-asil fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen fl-2013, b’ħames applikanti għal kull 1 000 abitant (Grafika 6). Iċ-ċittadini Albaniżi kellhom it-tieni l-ogħla tendenza li jagħmlu dan, b’erba’ applikanti għal kull 1 000 abitant. Iċ-ċittadini tas-Serbja ġew it-tielet bi tliet applikanti għal kull 1 000 abitant, dawk tal-Bożnija-Ħerzegovina ġew ir-raba’, b'żewġ applikanti u dawk tal-Montenegro ġew il-ħames, b'applikant wieħed.

    Ir-rabta ġeografika bejn il-pajjiżi ta’ oriġini u dawk ta’ destinazzjoni qed ixxaqleb aktar lejn il-Ġermanja milli fis-snin preċedenti (Grafika 7). Qabel, il-maġġoranza assoluta tal-applikanti mis-Serbja, mill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u mill-Bożnija-Ħerzegovina kienu jimmiraw lejn il-Ġermanja; il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet Albaniżi kienu jiġu ppreżentati fi Franza, fl-Iżvezja, fir-Renju Unit jew fil-Belġju; u l-applikanti Montenegrini kienu jerħulha lejn Franza, il-Lussemburgu jew l-Iżvezja. Sal-2014, il-Ġermanja kienet saret id-destinazzjoni l-aktar imfittxija mill-persuni nazzjonali tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent.

    Ir-rata ta’ rikonoxximent tal-asil8 madwar l-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen kompliet tonqos għaċ-ċittadini kollha mingħajr viża tal-Balkani tal-Punent, u dan jindika li l-maġġoranza assoluta tal-applikazzjonijiet baqgħu bla bażi (Grafika 8). Madankollu, fl-2013 kien għad hemm xi varjazzjoni bejn il-ħames pajjiżi mingħajr viża. Ir-rata ta’ rikonoxximent niżlet għal 3,7 % għaċ-ċittadini Montenegrini, għal 2,7 % għaċ-ċittadini Serbi u għal 1 % għall-persuni nazzjonali tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. Sadanittant, 8,1 % tal-applikanti Albaniżi u 5,9 % taċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina rċevew protezzjoni internazzjonali fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen, u dan jissuġġerixxi li proporzjon kemxejn ikbar ta’ applikazzjonijiet minn dawn iż-żewġ pajjiżi kienu meqjusa bħala denji li jingħataw protezzjoni internazzjonali.

    Skont il-Frontex, il-proporzjon bejn it-talbiet għall-asil bla bażi u r-ripatrijazzjonijiet baqa’ jqarreb l-4:1 matul is-sena li għaddiet fil-ħames Stati Membri u pajjiżi assoċjati ma' Schengen l-aktar milquta9. Dan jindika li l-Istati Membri għad għandhom idejhom marbuta f'dak li jirrigwarda r-ripatrijazzjoni ta' dawk meqjusa ineliġibbli għall-protezzjoni internazzjonali. Il-mod li bih jiġu ripatrijati l-applikanti kompla jvarja minn stat ta'

    8 Ir-rata ta’ rikonoxximent hija kkalkulata bħala l-għadd ta' deċiżjonijiet pożittivi (dwar l-istatus ta’

    refuġjat, il-protezzjoni sussidjarja jew l-istatus umanitarju) meħud bħala perċentwali tal-għadd totali ta’ deċiżjonijiet fil-prim’istanza.

    9 Frontex, Post-Visa Liberalisation Monitoring Mechanism (Il-Mekkaniżmu ta’ Monitoraġġ wara l-Liberalizzazzjoni tal-Viża), Rapport Nru 46.

  • 5

    destinazzjoni prinċipali għal ieħor: il-Ġermanja u l-Isvizzera jirripatrijaw il-maġġoranza tal-applikanti permezz ta’ proċeduri ta’ ripatrijazzjoni furzata (minbarra fix-xhur tax-xitwa li matulhom il-Ġermanja twaqqaf ir-ripatrijazzjonijiet furzati); il-Belġju, il-Lussemburgu u l-Iżvezja għażlu l-metodu volontarju.

    Fl-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent tal-2014 tagħha, il-Frontex identifikat żewġ riskji migratorji marbuta mal-moviment mill-Balkani tal-Punent lejn l-UE: il-movimenti sekondarji ta’ migranti irregolari li jidħlu fl-UE mill-fruntiera Griega-Torka u li jgħaddu mill-Balkani tal-Punent, u l-abbuż mill-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża tal-UE min-naħa ta’ persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent. L-ewwel riskju deher l-aktar mill-qsim illegali tal-fruntieri ħodor – sezzjonijiet tal-fruntiera bejn punti ta’ qsim tal-fruntieri – bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u mal-fruntieri bejn dawn tal-aħħar u l-UE; it-tieni wieħed deher mill-abbuż mid-dritt għall-asil, f'soġġorni illegali fl-Istati Membri u fi frodi tad-dokumenti min-naħa ta' persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent10.

    Fl-2013, il-Frontex identifikat żieda ta’ 27 % fil-qsim illegali tal-fruntieri ħodor bejn il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u kif ukoll mal-fruntieri bejn dawn tal-aħħar u l-UE. Minn xi 40 000 każ ta’ qsim illegali tal-fruntieri, 22 000 kienu jikkonċernaw migranti mhux Ewropej li kienu għaddejjin mill-Balkani tal-Punent u 18 000 kienu jikkonċernaw persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent, inklużi ċittadini tal-Kosovo.* Nofs il-każijiet ġew identifikati kollha fil-fruntiera Serba-Ungeriża, l-aktar fl-ewwel nofs tal-2013. Dan x’aktarx kien jirriżulta mill-fatt li, fl-ewwel nofs tal-2013 l-Ungerija waqqfet il-prattika tad-detenzjoni ta’ dawk li jfittxu l-asil, u dan wassal għal żieda eċċezzjonali ta' qsim illegali tal-fruntieri u ta' applikazzjonijiet għall-asil minn persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi, inklużi ċittadini tal-Balkani tal-Punent.

    Skont il-Frontex, is-soġġorni illegali ta' ċittadini tal-Balkani tal-Punent skoperti mill-UE, żdiedu b’5 % għal 38 300 bejn l-2012 u l-2013. Iċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, inklużi ċ-ċittadini tal-Kosovo, kienu jirrappreżentaw 11 % tal-iskoperti kollha li għamlet l-UE s-sena l-oħra, meta mqabbla mal-10 % tal-2012. Fl-2013, minn dawk li ssoġġornaw illegalment fl-UE kien hemm 42 % ċittadini tal-Albanija, 25 % ċittadini tas-Serbja u 16 % ċittadini tal-Kosovo. Aktar minn nofs l-iskoperti li saru ġew irrappurtati mill-Greċja, il-Ġermanja, Franza u l-Ungerija.

    Il-Frontex skopriet ukoll żieda ta’ 18 % fil-frodi ta' dokumenti fl-UE fl-2013. Minkejja li fl-2013 kien hemm 14 % inqas skoperti, l-Albaniżi xorta baqgħu jikkostitwixxu l-ikbar grupp ta’ persuni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi li ppruvaw jidħlu fl-UE permezz ta’ dokumenti foloz. Huma kienu jirrappreżentaw 85 % tal-persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent li użaw dokumenti foloz, warajhom kien hemm iċ-ċittadini Serbi (8 %) u mbagħad iċ-ċittadini tal-Kosovo (4 %). L-aktar tipi komuni ta’ dokumenti foloz użati mill-vjaġġaturi Albaniżi kienu d-dokument ta’ identità Grieg u dak Taljan.

    3.2. Il-"fatturi ta' spinta" tal-abbuż mid-dritt għall-asil u l-miżuri biex jiġi indirizzat

    Il-"fatturi ta' spinta” l-aktar komuni li jwasslu għall-flussi tal-asil mill-Balkani tal-Punent baqgħu dawn li ġejjin: il-privazzjoni, il-qgħad, id-diskriminazzjoni, aċċess insuffiċjenti għall-kura tas-saħħa, għall-benefiċċji soċjali u għall-edukazzjoni, u, għall-Albaniżi, il-"vendetti li jintirtu"11. Sabiex tindirizza dawn il-kwistjonijiet, is-sena l-oħra l-Kummissjoni rrakkomandat

    10 Frontex, Western Balkans Annual Risk Analysis (L-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent),

    2014. * Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-

    UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo. 11 Dawn il-kwistjonijiet huma deskritti fid-dettall fl-Asylum Applicants from the Western Balkans

    (Applikanti għall-Asil mill-Balkani tal-Punent) tal-EASO, 2013. Fl-Albanija, fil-verità l-każijiet ta’

  • 6

    li l-pajjiżi mingħajr viża jżidu l-assistenza mmirata għall-popolazzjonijiet minoritarji, speċjalment għar-Rom; itejbu l-kooperazzjoni operattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-istati ġirien, l-Istati Membri tal-UE u l-aġenziji tal-UE rilevanti; jinvestigaw u jieħdu azzjoni legali kontra l-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari; isaħħu l-kontrolli fil-fruntieri f’konformità mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; u jorganizzaw kampanji ta’ informazzjoni dwar l-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent ħa passi f’dawn l-oqsma:

    – L-Albanija baqgħet torganizza għadd ta’ kampanji li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-qafas tal-iskema mingħajr viża. Hija tejbet konsiderevolment ukoll il-programm ta’ assistenza tagħha għar-Rom, intensifikat il-kontrolli tal-ħruġ, u investigat diversi faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari. Skont il-Frontex, il-leġiżlazzjoni aktar stretta introdotta mill-Albanija, li tippermetti liċ-ċittadini jibdlu isimhom darba biss u li tipprojbixxi lil dawk bi storja ta' migrazzjoni li tinvolvi xi ksur milli jbiddlu isimhom, naqqset b’suċċess l-għadd ta’ applikazzjonijiet minn kważi 600 fix-xahar f’Jannar 2013 għal madwar 35 fix-xahar sa Diċembru 201312;

    – Il-Bożnija-Ħerzegovina għamlet diversi kampanji fuq il-mezzi tax-xandir biex tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-qafas tal-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża, inkluż f’villaġġi li minnhom telqu numru konsiderevoli ta’ ċittadini biex jippreżentaw applikazzjonijiet għall-asil fl-UE. Hija organizzat ukoll sensiela ta’ laqgħat mar-rappreżentanti tal-pajjiżi ta' destinazzjoni l-aktar imfittxija, inklużi l-Ġermanja u l-Iżvezja, dwar il-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari, għalqet 22 punt ta’ qsim tal-fruntieri mhux awtorizzati mal-Montenegro, u adottat pjan ta’ azzjoni għall-integrazzjoni tar-Rom fuq perjodu ta' żmien medju. Barra minn hekk, hija adottat żewġ pjanijiet ta’ azzjoni fil-qafas tal-Istrateġija tar-Rom, wieħed dwar il-ħtiġijiet edukattivi tar-Rom u l-ieħor marbut speċifikament mal-impjiegi, l-abitazzjoni u l-kura tas-saħħa, u amplifikat ukoll l-isforzi tagħha sabiex tindirizza l-ħtiġijiet tal-abitazzjoni tar-Rom;

    – L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tejbet l-integrazzjoni tal-komunità tar-Rom fil-qasam tal-edukazzjoni, fir-reġistrazzjoni ċivili, fl-impjiegi, u fil-kura tas-saħħa, u fetħet, flimkien mas-Serbja u l-Kosovo, ċentri għall-infurzar tal-liġi li jorganizzaw għadd ta’ pattulji konġunti. Hija intensifikat il-kooperazzjoni mal-Frontex, bdiet tikkondividi xi informazzjoni permezz tal-pjattaforma SIENA tal-Europol, u ħadet azzjoni legali kontra diversi faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari. Skont il-Frontex, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja saħħet b’mod konsiderevoli l-kontrolli fuq il-fruntieri, u dan wassal biex fl-2013 kien hemm żieda ta’ 41 % fiċ-ċaħdiet ta’ ħruġ13;

    – Il-Montenegro kompla jwettaq kontrolli stretti fuq il-fruntieri, inklużi kontrolli tal-ħruġ mal-Istati ġirien; allinja l-istrateġija tiegħu tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri mal-mudell tal-UE; applika l-leġiżlazzjoni kriminali tiegħu kontra l-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari, u bis-saħħa ta' hekk twettqu żewġ operazzjonijiet kbar tal-pulizija kontra 27 ċittadin; iffirma ftehim operazzjonali mal-Europol; beda joffri boroż ta’ studju għal studenti tar-Rom; u żied il-kapaċitajiet ta’ akkoljenza tiegħu għal dawk li jfittxu l-asil u għall-migranti irregolari;

    vendetti li jintirtu huma rari ħafna, però dan il-fenomenu għadu jintuża minn xi wħud bħala skuża biex jippreżentaw applikazzjoni għall-asil.

    12 Frontex, Western Balkans Annual Risk Analysis, (L-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent), 2014.

    13 Frontex, Western Balkans Annual Risk Analysis, (L-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent), 2014.

  • 7

    – Is-Serbja tejbet il-programm ta' assistenza tagħha maħsuba għar-Rom, inkluż f'dak li jirrigwarda l-impjiegi u r-reġistrazzjoni ċivili, u fl-għoti tas-setgħa lill-gvernijiet lokali fil-qasam tal-inklużjoni soċjali. Hija qassmet fuljetti u ħolqot websajt tal-Gvern bil-għan li tinforma liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom fil-qafas tal-iskema mingħajr viża, ħadet azzjoni legali kontra diversi faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari, u tejbet l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen l-aktar-milquta. Fir-rapport tal-2014 tagħha, il-Frontex enfasizzat ukoll is-suċċess li kellhom il-kontrolli fuq il-fruntieri aktar stretti tas-Serbja14.

    3.3. Il-"fatturi ta’ attrazzjoni" tal-abbuż mid-dritt għall-asil u l-miżuri biex jiġi indirizzat

    Il-"fatturi ta’ attrazzjoni" ewlenin li jwasslu għall-abbuż mid-dritt għall-asil mill-Balkani tal-Punent baqgħu ma nbidlux, inkluża l-preżenza ta’ komunità tad-dijaspora fl-istati riċeventi, it-tul ta’ żmien li tieħu l-proċedura tal-asil, l-ammont ta’ benefiċċji fi flus li jingħataw matul il-proċedura, l-aċċess biex wieħed jittallab jew għas-suq tax-xogħol illegali, u l-għarfien tar-rati ta’ rikonoxximent tal-asil tal-passat. Is-sena 2013 kienet tinkludi diversi eżempji ta’ kif l-Istati Membri fittxew li jtaffu l-impatt ta’ dawn il-fatturi:

    – Fl-2013, l-Ungerija saħħet il-kontrolli fuq il-fruntiera mas-Serbja, u ċaħdet id-dħul ta’ 5 400 ċittadin Serb, jiġifieri 65 % aktar milli fis-sena preċedenti. Kważi tliet kwarti taċ-ċaħdiet ta' dħul tal-Ungerija nħarġu minħabba soġġorni li qabżu l-permanenza awtorizzata, minħabba li ma jkunux ġew issodisfati l-kundizzjonijiet ta’ sussistenza jew minħabba li ma jkunx ġie ġġustifikat l-għan tas-soġġorn. Is-sena l-oħra, l-awtoritajiet tal-fruntiera Serba ċaħdu l-ħruġ ta’ aktar minn 6 500 ċittadin Serb li ma setgħux jiġġustifikaw l-għan tas-soġġorn tagħhom fl-UE. B’kollox, l-awtoritajiet tal-fruntieri taż-żewġ pajjiżi waqqfu mal-ħames persuni minn kull 1 000 vjaġġatur milli jidħlu fiż-żona Schengen, li huwa proporzjon konsiderevolment ogħla minn dak misjub f'partijiet oħra tal-fruntiera esterna tal-UE15;

    – Fid-29 ta’ Settembru 2014, il-Ġermanja rrevediet il-proċedura tal-asil tagħha u żiedet il-Bożnija-Ħerzegovina, l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja fil-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri tagħha. Minħabba li l-maġġoranza assoluta tal-applikanti tal-Balkani tal-Punent għażlu lill-Ġermanja bħala l-pajjiż ta’ destinazzjoni ewlieni tagħhom fl-2013, din l-emenda leġiżlattiva x’aktarx li jkollha impatt fuq kif se jitqassmu l-flussi migratorji fuq perjodu ta' żmien medju.

    Diversi Stati Membri, inklużi l-istati ta' destinazzjoni ewlenin tal-UE minbarra l-Iżvezja, adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tiddefinixxi ċerti pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża bħala pajjiżi ta’ oriġini siguri, f'konformità mad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil:

    – L-Albanija, li ċ-ċittadini tagħha kellhom fil-mira l-aktar lil Franza, ir-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Iżvezja u l-Belġju għall-asil fl-2013, hija meqjusa bħala pajjiż ta’ oriġini sigur mill-Awstrija, il-Belġju, Franza, il-Lussemburgu u r-Renju Unit;

    – Il-Bożnija-Ħerzegovina, li ċ-ċittadini tagħha kellhom fil-mira l-aktar lill-Ġermanja, Franza, l-Iżvezja u l-Iżvizzera għall-asil fl-2013, hija meqjusa bħala pajjiż ta’ oriġini sigur mill-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u r-Renju Unit;

    14 Frontex, Western Balkans Annual Risk Analysis, (L-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent),

    2014. 15 Frontex, Western Balkans Annual Risk Analysis, (L-Analiżi tal-Perikli Annwali tal-Balkani tal-Punent),

    2014.

  • 8

    – L-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li ċ-ċittadini tagħha kellhom fil-mira l-aktar lill-Ġermanja, il-Belġju, l-Iżvezja u Franza għall-asil fl-2013, hija meqjusa bħala pajjiż ta’ oriġini sigur mill-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u r-Renju Unit;

    – Il-Montenegro, li ċ-ċittadini tiegħu kellhom fil-mira l-aktar lill-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u l-Iżvezja għall-asil fl-2013, huwa meqjus bħala pajjiż ta’ oriġini sigur mill-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Lussemburgu, is-Slovakkja u r-Renju Unit;

    – Is-Serbja, li ċ-ċittadini tagħha kellhom fil-mira l-aktar lill-Ġermanja, l-Iżvezja, il-Belġju u Franza għall-asil fl-2013, hija meqjusa bħala pajjiż ta’ oriġini sigur mill-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Franza, il-Lussemburgu u r-Renju Unit.

    L-użu tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur għandu jkun abbinat ma’ miżuri oħra biex jitnaqqas l-abbuż mid-dritt għall-asil. L-EASO ġabar fil-qosor riformi oħra li rnexxielhom inaqqsu l-abbuż mid-dritt għall-asil f’dawn l-aħħar snin filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti:

    – żjarat ta’ livell għoli fil-pajjiżi kkonċernati u kampanji ta’ informazzjoni f’kooperazzjoni mal-NGOs lokali u mal-muniċipalitajiet, bil-għan li jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, b'mezzi elettroniċi u tal-istampa;

    – il-kooperazzjoni operazzjonali kontinwa mal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati; – it-tnaqqis tal-benefiċċji fi flus, bħall-flus fil-but u l-assistenza finanzjarja għar-

    ripatrijazzjoni, biex jonqsu l-inċentivi finanzjarji għall-abbuż mid-dritt għall-asil;

    – proċeduri tal-asil li jieħdu inqas żmien billi jkun hemm aktar ħaddiema li jivvalutaw il-każijiet tal-asil fil-perjodi l-aktar intensivi jew billi titwaqqaf proċedura aċċellerata – rapida – li permezz tagħha l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet isir malajr fil-mumenti l-aktar intensivi jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi partikolari.

    3.4. Żviluppi oħra relatati mal-iskema mingħajr viża tal-UE F'Ġunju 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil riveduta (id-Direttiva 2005/85/KE). Dan l-istrument, li jidħol fis-seħħ f’Ġunju 2015, joħloq għodod ġodda sabiex jiġi evitat l-abbuż mis-sistema tal-asil. Pereżempju, huwa jillimita d-dritt ta' applikant li jibqa' f’pajjiż jekk it-tieni applikazzjoni tiegħu għall-asil ma jkunx fiha elementi ġodda meta mqabbla ma’ dik preċedenti, jew jekk dan ikun ippreżenta t-tieni applikazzjoni biex jevita t-tneħħija imminenti tiegħu. Skont id-Direttiva, il-limiti għad-dritt li wieħed jibqa’ fl-UE jistgħu jiġu applikati wkoll għall-applikanti li jkunu ppreżentaw it-tielet applikazzjoni tagħhom għall-asil jew aktar. Dawn ir-regoli ma jikkostitwixxux eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement, li dejjem irid jiġi rispettat.

    F’Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill emendaw ukoll ir-Regolament dwar il-Viża (ir-Regolament 539/2001) billi introduċew mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viżi li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jissospendi temporanjament l-istatus “mingħajr viża” ta’ persuni nazzjonali minn pajjiżi terzi. Dan il-mekkaniżmu jista' jiġi applikat biss bħala miżura temporanja u jista’ jiġi attivat biss f’emerġenza. L-ebda Stat Membru għadu ma talab l-attivazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ sospensjoni tal-viżi.

    4. IL-PASSI LI JMISS Il-maġġoranza assoluta taċ-ċittadini mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża huma vjaġġaturi in bona fede bi skop leġittimu li jivvjaġġaw lejn l-UE. L-iskema tal-

  • 9

    ivvjaġġar mingħajr obbligu ta' viża laħqet l-objettiv tagħha: hija saħħet il-kuntatt bejn il-persuni tal-Balkani tal-Punent u tal-UE, inkluż mal-komunitajiet tad-dijaspora fl-Istati Membri, tejbet l-opportunitajiet kummerċjali u l-iskambji kulturali, u għenet liċ-ċittadini tal-pajjiżi mingħajr obbligu ta' viża biex isiru jafu aktar lill-UE. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent ikkonċernati esprimew ix-xewqa li jkomplu jimplimentaw ir-riformi meħtieġa biex iċ-ċittadini tagħhom jibqgħu jgawdu mill-ivvjaġġar mingħajr viża.

    Madankollu, sa mil-liberalizzazzjoni tal-viża, l-abbuż mid-dritt għall-asil baqa’ jolqot l-iskema tal-ivvjaġġar mingħajr viża. Is-sitwazzjoni għadha insostenibbli u tirrikjedi li jsiru riformi, kemm fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża kif ukoll fl-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen l-aktar milquta.

    Il-Kummissjoni tħeġġeġ lil kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent biex isaħħaħ l-impenn politiku tiegħu favur l-ivvjaġġar mingħajr viża, permezz ta' politiki effikaċi fil-prattika. Kull pajjiż mingħajr obbligu ta' viża jrid ikun kapaċi juri xejra sostenibbli ta’ tnaqqis fl-assorbiment globali ta’ applikanti għall-asil.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda li kull pajjiż tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża jkompli:

    (1) Iżid l-assistenza mmirata għall-popolazzjonijiet minoritarji, b’mod partikolari għal dawk li huma ta’ etniċità Rom, biex tittejjeb l-integrazzjoni soċjoekonomika tagħhom fit-tul permezz ta’ programmi edukattivi kif ukoll ta' programmi għall-impjiegi u ta’ taħriġ vokazzjonali, anki billi jiġu implimentati strateġiji nazzjonali u billi tintuża l-assistenza domestika, sostnuta mill-assistenza tal-UE disponibbli u l-assistenza bilaterali tal-Istati Membri tal-UE;

    (2) Isaħħaħ il-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Istati ġirien, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen, il-Kummissjoni Ewropea u, skont fejn ikun meħtieġ, mal-Frontex, l-Europol u l-EASO, fl-oqsma tal-ġestjoni tal-fruntieri, il-migrazzjoni, l-asil u r-riammissjoni, f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ma' dik tal-UE;

    (3) Jinvestiga lill-faċilitaturi tal-migrazzjoni irregolari u jieħu azzjoni legali kontra dawk li jippermettu l-abbuż mill-iskema mingħajr viża, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-UE, tal-pajjiżi assoċjati ma' Schengen, u tal-Europol;

    (4) F’konformità stretta mad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, isaħħaħ il-kontrolli fuq il-fruntieri u jiżviluppa kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE li huma direttament responsabbli mill-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE;

    (5) Isaħħaħ il-kampanji ta’ informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni mmirati maħsuba biex jiċċaraw ulterjorment id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża liċ-ċittadini, li jinkludu informazzjoni dwar ir-responsabbiltà għal kwalunkwe abbuż mid-drittijiet fil-qafas tal-iskema mingħajr viża.

    Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li dawk l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen li ffaċċjaw l-akbar influssi ta’ applikazzjonijiet għall-asil bla bażi mill-Balkani tal-Punent għandhom jikkunsidraw jieħdu azzjoni addizzjonali fl-oqsma li ġejjin:

    (1) Fejn ikun xieraq, jikkunsidraw li jissimplifikaw il-proċeduri tal-asil għaċ-ċittadini tal-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mingħajr obbligu ta' viża, inkluż billi jkun hemm aktar ħaddiema li jivvalutaw il-każijiet tal-asil fil-perjodi l-aktar intensivi jew billi titwaqqaf proċedura rapida li permezz tagħha l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet isir malajr fil-mumenti l-aktar intensivi jew għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi partikolari. Fejn

  • 10

    ikun xieraq, jikkunsidraw li jużaw il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur bħala parti mir-riforma tal-proċeduri domestiċi tal-asil;

    (2) Jikkunsidraw użu aktar kawt u selettiv tal-benefiċċji fi flus, bħall-flus fil-but u l-assistenza finanzjarja għar-ripatrijazzjoni, biex inaqqsu l-inċentivi finanzjarji għall-abbuż mid-dritt għall-asil;

    (3) Jorganizzaw żjarat ta’ livell għoli fil-pajjiżi kkonċernati u kampanji ta’ informazzjoni, f’kooperazzjoni mal-NGOs lokali u mal-muniċipalitajiet, biex jinfurmaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-ivvjaġġar mingħajr viża, b'mezzi elettroniċi u tal-istampa;

    (4) Isaħħu l-kooperazzjoni operazzjonali u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati, inkluż permezz ta’ uffiċjali ta’ kollegament.

    Il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri permezz tal-mekkaniżmu attwali ta’ monitoraġġ wara l-liberalizzazzjoni tal-viża u se tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-2015.

  • 11

    5. STATISTIKA Grafika 1: L-applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati lill-UE u lill-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen minn persuni nazzjonali tal-Balkani tal-Punent mingħajr viża

    Grafika 2: It-total tal-applikazzjonijiet għall-asil fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma’ Schengen, bis-sehem tal-Balkani tal-Punent

  • 12

    Grafika 3: L-istaġjonalità tal-applikazzjonijiet għall-asil li oriġinaw mill-Balkani tal-Punent mill-2009

    Grafika 4: L-Istati tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen li l-aktar jirċievu applikazzjonijiet għall-asil mill-Balkani tal-Punent

  • 13

    Grafika 5: Rendikont tal-persuni mill-Balkani tal-Punent li jfittxu l-asil fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen

    Grafika 6: It-tendenza taċ-ċittadini tal-Balkani tal-Punent li jfittxu l-asil fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma' Schengen16

    16 Ikkalkulata bħala l-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-asil imressqa fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati ma'

    Schengen, diviż bid-daqs tal-popolazzjoni.

  • 14

    Grafika 7: L-Istati tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Schengen l-aktar imfittxija mill-applikanti tal-Balkani tal-Punent bħala destinazzjoni għall-asil

  • 15

  • 16

    Grafika 8: Ir-rata ta' rikonoxximent tal-applikazzjonijiet għall-asil mill-Balkani tal-Punent fl-UE u fil-pajjiżi assoċjati-ma' Schengen