Upload
others
View
2
Download
0
Embed Size (px)
Citation preview
MMMM
AAAA
GGGG
AAAA
ZZZZ
IIII
NNNN
6666
Ħarġa Numru 46 – Meju 2012
Pubblikazzjoni tas-Sitt Klassi, Kulleġġ De La Salle, Kottonera.
Editur: Patrick Sammut.
1
ID-DESTIN TAL-WERQA DGĦAJFA
Lorella Spiteri
Il-bniedem mhu xejn aktar
minn dik il-werqa dgħajfa
li bla ma trid qed tiġġerra mar-riħ. Ja riħ li ma tħenn għal ħadd
li ġġorr dak kollu li miegħek jiltaqa’.
Riħ li bħall-ħin jibqa’ għaddej mingħajr
ma jħares lura
li f’għajnejh tara biss qerda u indifferenza.
Iżda jissielet kemm jissielet, il-bniedem
għadu dik il-werqa, għaliex
ir-riħ hu bħaż-żmien, bla ħniena, jibqa’
għaddej
sakemm lil dik il-werqa jwassalha
f’sekonda, bla ma jħalliha tinduna,
f’xifer id-dlamijiet it-tmiem.
Iżda hu dejjem ikompli jitlajja
qalb l-infinit, qalb l-eżistenza
bla ħjiel ta’ għejja f’ġismu jħoss
għaliex l-għejja ma jafx x’inhi.
STUDENTI TAS-SIXTH FORM
IŻURU L-LAKE DISTRICT
Grupp ta’ studenti tas-Sixth Form telgħu
fuq żjara edukattiva fiż-żona tal-Lake
District, l-Ingilterra. Dan seħħ fl-aħħar
jiem ta’ April u l-bidu ta’ Mejju 2012.
L-okkażjoni ġiet organizzata mill-għalliem
tal-Bijoloġija u tax-Xjenzi Ambjentali, is-
Sur Konrad Pirotta. L-istudenti li ħadu
sehem f’dan il-proġett attendew għal
programm ta’ preparazzjoni matul is-sena.
Fil-Lake District qagħdu f’kampijiet li
tellgħu magħhom, flimkien mal-utensili u
ħwejjeġ oħra li kellhom bżonn biex jieklu
u jinħaslu. Kienet sessjoni li fiha dawk li
pparteċipaw tgħallmu numru ta’ tekniki ta’
sopravvivenza, għamlu field work fiż-żona
msemmija u setgħu jgawdu l-isbuħija
pittoreska tal-ambjent permezz ta’
passiġġati twal li laqqgħuhom ma’
għoljiet, widien u għadajjar tipiċi tal-post.
Żaru wkoll postijiet marbutin ma’ kittieba
Ingliżi bħal William Wordsworth u oħrajn.
Dan kollu kien parti mill-Outdoor
Education Programme li jiġi mtella’ fil-
Kulleġġ bejn Ottubru u Ġunju. Ta’ min
jawgura li fil-ġejjieni aktar studenti jkunu
jistgħu jgawdu minn opportunità unika
bħal din. Prosit tassew Sur Pirotta!
WAQTIET LI MA JINTESEWX
FIL-LAKE DISTRICT
2
IL-KOMPONIMENT ĠENERALI
IS-SEHEM TAL-FESTI FIL-KULTURA MALTIJA
Ian Aquilina
Ta’ kull sena nistennew dik il-ġimgħa speċjali, fejn
it-toroq jibdew jiżżejnu bil-liedna u l-kukkardi, meta
l-vara titulari toħroġ min-niċċa fejn tkun ilha magħluqa
għal diversi xhur, fejn il-każini jibdew jippreparaw
ruħhom għall-marċi li jkunu ser iseħħu, u diversi
affarijiet oħrajn li flimkien joħolqu l-festa tar-raħal
tagħha. Illum il-ġurnata tista’ tgħid li l-festi fil-gżejjer
Maltin saru parti mill-kultura Maltija, u dan għal diversi
raġunijiet differenti.
Mal-miġja tal-festa fir-raħal jew belt fejn noqogħdu nafu
sew kif il-belt kollha tieqaf kemm hi mill-monotonija li
tkun ilha fiha matul is-sena u tibda ġimgħa ta’ xalar u
briju f’ġieħ il-patrun jew patruna ta’ dik il-belt jew raħal
partikulari. Hemm ċerti rħula, bħaż-Żurrieq jew Ħal
Għaxaq, li jkollhom iktar minn festa waħda, minħabba
l-patruni differenti, u dan ikompli jżid mal-briju li
jinħoloq f’dawn il-festi. Il-festi fil-gżejjer Maltin juru
b’mod ċar l-għeruq sodi li għandhom il-Maltin
fir-reliġjon Kattolika, u dan narawh l-iktar fid-diversità
ta’ patruni differenti li kull raħal jew belt ikollhom.
Għalkemm insibu ammont ta’ rħula li jkollhom l-istess
protettur jew protettriċi, bħal pereżempju Ħ’Attard, Ħad-
Dingli, Ħal Għaxaq, Il-Gudja, l-Imġarr, l-Imqabba,
ir-Rabat f’ Għawdex, il-Mosta, il-Qrendi u ż-Żebbuġ f’Għawdex, li kollha jiċċelebraw il-festa ta’ Marija
Assunta, jew kif nafuha aħjar Santa Marija,
il-maġġoranza tal-irħula għandhom qaddis uniku.
Barra l-festi esterni, li jinkludu l-marċi, ċelebrazzjonijiet
oħrajn imtellgħa mill-każini ta’ dak ir-raħal, u
l-purċissjoni bil-vara titulari madwar ir-raħal, insibu
wkoll il-festi interni li jseħħu fil-knisja parrokkjali, li
juru b’mod iktar ċar is-sinifikat tal-festa u x’għandna
x’nitgħallmu għal ħajjitna mill-patrun jew patruna
tar-raħal. Matul il-ġimgħa tal-festa, il-knisja tiżżejjen
bid-damask u l-linef, u l-vara titulari titpoġġa f’post
prominenti. Fl-aħħar tliet ijiem ta’ qabel il-ġurnata
tal-festa, isir dak li jissejjaħ it-Tridu, jiem fejn wieħed
jiffoka aktar fuq il-ħajja ta’ dak il-qaddis u x’għandna
x’nitgħallmu minnu. Dan kollu hu wirt nazzjonali, fejn
l-antenati tagħna għamlu diversi sagrifiċċji u ħadmu
kemm felħu sabiex jagħmlu festa kif tixraq lill-patrun
jew patruna tar-raħal.
Barra minn hekk, fil-festa tar-raħal insibu diversi
tradizzjonijiet marbuta magħha. Fil-ġurnata tal-festa
kulħadd jilbes l-aħjar ilbies li għandu, u l-għaqda fil-
familja tinħass ħafna iktar.
Insibu wkoll lil tal-qubbajt, xi ħaġa li ħafna
min-nies jieħdu biss matul il-festa. Ma jonqosx
ukoll il-logħob tan-nar, kemm dak tal-art kif ukoll
dak tal-ajru, li llum il-ġurnata ħa prominenza
qawwija fil-festa tipika tar-raħal. Ħaġa oħra li
nsibu hi x-xalata, li tiġi l-ġurnata ta’ wara l-festa,
fejn kulħadd jistrieħ u jiftakar f’ dak li jkun għadu
kif iċċelebra.
Madanakollu, fil-festi ta’ llum il-ġurnata nsibu
diversi affarijiet u mġiba li qed inaqqsu mid-dinjità
tal-festa tipika Maltija. Il-pika bejn il-każini hi
waħda mill-iktar evidenti, fejn in-nies jinqasmu
bejniethom u sseħħ firda fir-raħal li tibqa tinħass
matul is-sena kollha, minħabba festa li tispiċċa
wara ġimgħa. Ma jkun hemm xejn ħażin billi jkun
hemm ftit kompetizzjoni bejn żewġ każini
differenti, iżda f’dawn l-aħħar snin seħħew diversi
aċċidenti minħabba l-irjus sħan ta’ xi individwi
fanatiċi. It-turisti li jiġu għal dawn il-festi llum
il-ġurnata m’għadhomx jistgħu jieħdu l-istampa
sħiħa tal-festa tar-raħal minħabba l-ġlied li jkun
qed iseħħ bejn in-nies. Il-festa ddegredajnieha sal-
punt fejn saret festa ta’ idolatrija, fejn għandek
ħafna nies li joffendu qaddis partikulari
sempliċiment għax ikun dak li l-każin oppost
jonoraw. Is-sens propju tal-festa, dak reliġjuż u
spiritwali, ġie mormi u mbiddel ma’ xalar sfrenat
bla ebda siwi. Il-kummerċ żejjed hu aspett ieħor li
jtellef is-sens tal-festa, fejn kull sena jintefqu flejjes
kbar sabiex inkunu nistgħu nikkompetu ma’ rħula
oħrajn. Dan kollu jkerrah is-sens tal-vera festa
tipika Maltija.
Kif rajna, il-festa tar-raħal saret parti essenzjali
mill-kultura tipika Maltija; madanakollu hemm
diversi fatturi li qed itellfu l-veru sens tal-festa għal
kull individwu Nisrani. Hemm bżonn li nerġgħu
lura għan-normi tal-festa kif suppost għandha ssir
b’unur għall-qaddis jew qaddisa tar-raħal, u mhux
sempliċiment biex ngħidu li żidna avveniment
ieħor fil-kalendarju tal-parroċċa.
IL-KOMPONIMENT ĠENERALI
3
F’SALA TA’ SPTAR
Juan Ellul
Malli ħassejt moħħi mall-ħġieġ tal-windscreen
intlift minn sensija. Waqghet fuqi paċi liema
bħalha, sliem li lanqas jekk ikollok il-flus kollha
tad-dinja ma tkun tista’ tixtrih. Kont qiegħed miexi
f’kuritur li ma kien jispiċċa qatt. Kien hemm dlam
ċappa għajr għal tikka żgħira bajda daqs is-silġ, direttament quddiemi. Bħal ħassejt x’jiġbidni lejha
dik it-tikka , u ma’ kull pass li għamilt, bdiet tikber
u tikber. Waqa’ fuqi stat ta’ paniku , u bdjet niġri kemm niflaħ.
F’ħin minnhom, meta dak id-dawl kien sar daqs ta’
ponn, bħal ħassejt xokk jiġri ma’ ġismi kollu.
Ħasadni u waqajt mal-art. Pero’ id-daqqa baqgħet
ma ġiet qatt. Minflok, ftaħt għajnejja beraħ u erġajt
għalaqthom malajr. Kont qisni ħraqt għajnejja, u
n-nervituri f’rasi bdew iwerżqu bi protesta.
Minkejja dan, erġajt ftaħt għajnejja, din id-darba
iktar bil-mod, u tajt ħarsa madwari. L-ewwel ħaġa
li rajt kienu par għajnejn ta’ mara, direttament fuq
tiegħi, b’ħarsa ta’ ferħ u sodisfazzjon fihom.
In-naħa t’isfel ta’ wiċċha kien mgħotti b’maskra
ħadra ċara. Minn warajha stħajjitlha titbissem u
dawk l-għajnejn suwed tuta resqu ’l fuq, ’il
bogħod minni. Meta tajt salt biex inqum, bħal
ħassejt xi jżommni ’l isfel, u erġajt intfajt u għalaqt
għajnejja.
Ħadt nifs twil ’il ġewwa, u r r-riħa qawwija ta’ arja
u affarijiet disinfettati ħarqitli mnieħri. Qarrast
wiċċi, u propju dak il-ħin ħassejt par idejn, waħda
poġġuta b’guffaġni, tagħfas fuq sidri , u oħra, ħafna
aktar ġentili, tmissli wiċċi. Par swaba fetħuli
għajnejja u did-darba rajt lil raġel, bi ħwejjeġ simili
u huwa wkoll liebes maskra bħal tal-mara. Kien
qiegħed iħares lejja u f’ħin minnhom niżżel
il-maskra fuq għonqu u beda jċaqlaq ħalqu.
Ippruvajt inċaqlaq idejja biex nurih li ma kontx
qiegħed nisimgħu, iżda ma ħassejt xejn, daqs li
kieku kont bla jdejn. F’ħin minnhom bdejt nara
ħafna tiżliġ f’għajnejja, tant ma stajt nara xejn,
ħlief dak id-dawl qawwi dieħel jinvadili l-vista ta’
għajnejja. It-telqa li waqgħet fuqi ġibditni b’saħħa
kbira. Irqadt, imma d-dawl kien qiegħed jikber.
Però ma domtx rieqed, għax erġajt qomt bil-ġirja
meta ħassejt xokk kbir jiġri ma’ ġismi kollu. Ħarist
lejn dawk it-tobba u infermiera kollha, u nnutajt li
kien hemm madwar għaxar persuni b’kollox.
Kollha kienu qegħdin jiġru u jduru madwar
is-sodda li kont mimdud fuqha jien. Sodda b’saqqu
iebes u saqajn tal-ħadid bir-roti. Infermier mibni
sew ġie min-naħa tal-lemin tiegħi u għollieni
bilqiegħda, b’dahri jserraħ mat-tustiera tas-sodda.
Poġġa fuq banketta maġenbi, neża’ l-maskla u beda
jkellimni. Din id-darba bdejt nisma’ kollox. Anzi,
iżżejjed! Kien qed isaqsini dwar kif kont qiegħed
inħossni, iżda ma flatħx inkellmu. U kieku stess,
x’ridt ngħidlu? Biex jagħlaq ħalqu għax qabadni
uġigħ ta’ ras? Komplejt inħares madwari u ndunajt
li eżattament faċċata tiegħi kien hemm ħġieġa
kbira, u warajha kien hemm ommi, missieri u oħti, kollha b’uċuħ imbikkma.
Issa bdejt inħossni mmur lura għan-normal. Bdejt
nara, nisma’, inħoss, inxomm, kollox normali bejn
wieħed u ieħor. Idejja ndunajt li t-tnejn kienu
f’posthom, iżda xorta bqajt ma nistax inċaqlaqhom,
u jekk niġu f’dan, ma stajtx inċaqlaq il-bqija ta’
ġismi! Dawwart wicci lejn l-infermier li kien
qiegħed jistennieni niġi f’tiegħi. Beda jkellimni
bil-mod, biex nifhmu, u ma kull kelma li beda
jgħidli bdejt inħoss id-dmugħ iżid. Kont
ipparalizzajt ġismi kollu bid-daqqa, għax kont
ilqatt parti minn moħħi, kemkemm braxtha, meta
qsamt rasi mas-siġra. Sirt naf ukoll li sieħbi
Matthew, is-sewwieq, kien qiegħed taħt it-trab, u li
l-pulizija, li minn taħt il-għajn indunajt li kienu
ħdejn ommi u missieri, riedu jsaqsuni xi affarijiet.
Dakinhar, wara li kellimt lill-pulizija, tħallejt
inkellem lil ommi u missieri, u oħti wkoll. Wara
ġimgħa kura u terapija l-isptar, tħallejt immur
id-dar, u issa ilni għoxrin sena fuq siġġu tar-roti.
Kull meta nħares lura lejn dak iż-żmien li għamilt
fis-sala tal-isptar, u kemm ili f’din il-qagħda,
tgħallimt napprezza l-affarijiet żgħar fil-ħajja, li
bihom u mingħajrhom id-dinja ma tkunx l-istess.
Kienet dik is-sala tal-isptar li salvatli ħajti, b’kull
dettall, kull kulur u kull riħa li kien fiha, u nibqa’
nafulha għal dejjem!
4
IL-KOMPONIMENT TAL-POEŻIJA
L-IDEALIZZAZZJONI TA’ MALTA FL-EWWEL
NOFS TAS-SEKLU 20
Luca Balzan
Fil-poeżija Maltija, speċjalment dik tal-ewwel nofs
tas-seklu għoxrin, tispikka ħafna l-idealizzazzjoni ta’
Malta. B’dan il-mezz, poeti bħal Dun Karm, Ġużè
Chectcuti u Ġorġ Pisani għollew mas-smewwiet dak
kollu li hu Malti u għalhekk dan jagħmel parti
mill-ġens uniku tagħna. B’hekk, dawn il-poeżiji servew ta’ propaganda, jiġifieri ta’ riklam, għall-
gżejjer tagħna.
Fis-sunett Petrarkjan Lil Mikiel Anton Vassalli,
b’referenza għal Vassalli, promotur kbir tal-lingwa
Maltija li ħadem bis-sħiħ biex Malta ma tkunx “bil-ħan
maħkuma”, Dun Karm jagħti ġieħ lill-“Malti safi
tassew”. Dan jispikka fil-kliem “l-ġmiel, is-saħħa,
il-għana / tal-lsien”. It-tifħir lejn il-lingwa jidher ukoll
f’Ilsien Pajjiżi ta’ Anastasju Cuschieri, li sa
mill-ewwel żewġ versi juri l-qima tiegħu lejn l-ilsien:
“Fost l-ilsna kollha, ja lsien pajjiżi, / isbaħ u bħalek
jien ma narax”. Ir-ripetizzjoni tal-ewwel strofa lejn
l-aħħar tal-poeżija tenfasizza l-importanza tal-ilsien
Malti għall-poeta, u huwa jsostni wkoll li l-lingwa
Maltija hija safja meta jorbotha man-natura u mat-
tfulija: “Int li tfakkarni fi żmien tfuliti”. Bħal dawn
iż-żewġ poeti, Nikol Biancardi jidealizza l-ilsien
tagħna fil-poeżija Lill-Ilsien Malti. L-iskop tal-poeta
huwa li jħeġġeġ lill-Maltin kollha biex jitkellmu bil-
lingwa tagħhom: “Jekk ma tkunx il-kelma tiegħek, /
min hu Malti, tkellem ... min?”, u dan għaliex dak
iż-żmien, il-Malti kien meqjus bħala lsien tal-kċina, bla
ebda preġju. Għall-kuntrarju ta’ dan, hu jemmen li
għalkemm il-Malti huwa “lsien qadim”, xorta huwa
lsien ħaj: “Rajtek miexi mingħajr heda, / bla serħan
f’dawn l-aħħar snin.”
It-twemmin jingħata ġieħ bħala aspett ta’ ġensna
f’Il-Għanja tar-Rebħa ta’ Dun Karm. Din hija poeżija
iperbolika li titkellem ukoll dwar l-Istorja, preċiżament
l-Assedju l-Kbir. Il-poeta nazzjonali jorbot il-qlubija
ta’ missirijietna direttament mat-twemmin tagħhom:
“Iżda ġo sidrek qatt ma birdet l-emmna / li Alla
l-qawwi tiegħek kien ħabib”, filwaqt li jfaħħar dan
l-avveniment storiku. L-istess jagħmel Ġużè Delia, li
f’Għanja lil Malta jsemmi l-Assedju bħala dak
l-avveniment li fih spikka l-kuraġġ tal-Maltin: “U
rajtek imdawra b’uliedek qalbenija, / li waqgħu f’Sant
Anġlu, f’Sant Jiermu għalik”. Hawnhekk, Delia
jesprimi mħabba kbira lejn il-patrija.
Kemm Ġużè Delia, kif ukoll Ġużè Chetcuti kitbu dwar
it-Tieni Gwerra Dinjija fil-poeżiji tagħhom. F’Air-Raid
bil-Lejl Delia jippreżentalna stampa mill-memorji ta’
missirijietna u fl-istess ħin jagħti ġieħ lit-twemmin
u l-għaqda tagħhom: “Mgħaqqdin fehma u qalb
waħda / f’ratba li ma tinħallx, ta’ mħabba u talb”.
Min-naħa l-oħra, Chetcuti kiteb il-poeżija Il-Qniepen
tar-Rebħa, poeżija b’funzjoni ritrattistika billi l-poeta
esperjenza l-gwerra hu stess. F’estasi ta’ ferħ, huwa
jikteb dwar il-qlubija kbira u s-sagrifiċċji li urew
missirijietna biex b’hekk wasal il-jum tar-rebħa:
“Malta, mbiċċra imma qalbha sħiħa”.
Il-poeta tal-Istorja, Ġorġ Pisani, għall-kuntrarju tal-
poeti l-oħrajn, ħares aktar ’il bogħod u għalhekk
kiteb dwar iż-żminijiet bikrin f’Malta. Fis-saffika
F’Ħaġar Qim, huwa bħal donnu jmur lura u jagħmel
parti mit-talba tal-“ġens ewlieni”: “għax rajt il-ħalfa,
rajt it-talb għar-rebħa / ta’ Malta tiegħi” biex jegħreq
l-għadu u Malta tibqa’ ħielsa. Fis-saffika l-oħra
Il-Ġgantija t’Għawdex, huwa jippreżenta sitwazzjoni
li min jaf kemm-il darba Għawdex għadda minnha,
sitwazzjoni ta’ ġuħ. Għalhekk, bħala sagrifiċċju,
“tfajla, xuxtha tad-deh’b, għajnejha żoroq” tagħżel li
“immut għal Għawdex tiegħi”. F’dawn il-poeżiji jingħataw ġieħ kemm lill-Istorja kif ukoll lit-
twemmin.
Dawn ix-xogħlijiet kollha juruna kemm għandna
biex inkunu kburin li aħna Maltin. Ifakkruna li
bis-saħħa ta’ missirijietna, għandna identità unika li
tagħmilna Maltin u li tiddistingwina minn ġnus oħra.
Għalhekk, għandna nagħmlu minn kollox biex mhux
biss napprezzaw dawn il-poeżiji, iżda nħaddnu dawn
l-aspetti ta’ ġensna bħala parti mill-kultura tagħna.